|
“Kemm
tiswa tarbija?”
Tal-ħanut
baqa’ ċċassat lejha. Tfajla ħelwa. Kemmkemm safra, donnha
għadha kif ħarġet minn xi marda, imma ħelwa. L-aktar xagħarha
twil iswed jaqta’ mal-ġilda pallida ta’ wiċċha.
“Skużi?”
“Tarbija.
Kemm tiswa?”
“Tarbija.
Dan mhux il-Milied? Mhux tarbija hemm fil-maxtura? Jien irrid
tarbija.”
“Ee, issa
fhimt. Pasturi. Bambin għall-maxtura. Le, dawk ma nbiegħuhomx.
Jekk tixtieq ipprova n-Knick-Knaks fil-kantuniera. Dak ikollu
żgur.”
Ma setax
jifhimha.
Lanqas dan.
Ma kienx
waħdu.
Ma qaltlu
xejn aktar u ħarġet barra mill-ħanut.
Il-kesħa
ma kinitx hemm. Anzi, l-għomma, donnu s-sajf ta’ San Martin
ġebbidha sa Diċembru. U t-tgħakkir ta’ riħ isfel jinten li
Milied f’Malta biss jaf jagħtina.
Is-sena l-oħra
kienet il-kesħa. Ħassitha f’daqqa x’ħin rat id-demm iqattar
mal-liżar tas-sodda. Ħassitha tkexkxilha s-sinsla x’ħin
intebħet li d-dabra ħamra kient ħierġa minnha.
U barra
kien hemm banda qed iddoqq il-Jingle Bells. Illum ma
tistax tifhem kif f’dak il-mument ta’ terrur, l-unika ħaġa li
għadditilha minn moħħha kienet kemm instemgħet barranija dik
il-melodija ... dawk il-kliem jitkellmu fuq borra li f’Malta
qatt ma nbarmet ma’ l-irjiħat spissi. Barranija.
Daqs it-tarbija
f’ġufha.
Tant
barranija dik, li ma kinitx riedet tibqa’ hemm.
U issa,
tħares ġo tieqa mixgħula minn dwal iteptpu tegħmiża kulur,
ħasset il-kesħa mill-ġdid isserrep tul is-sinsla, u l-ġilda
t’għonqha, xewk xewk, tfakkarha.
It-tabib
kien qalilha biex ittajjar. Tehda fix-xogħol li, darba waħda,
tant kien għal qalbha. U kultant kien jirnexxilha, imma mhux
fil-Milied.
Ma’ l-ewwel
siġra tal-plastik imlibbsa x-xuxa ta’ aluminjum ileqq
fil-geġwiġija tal-bozoz;
ma’ l-ewwel
ħjut mitluqa ta’ noti familjari li jitfarfru kull sena ma’ sbieħ
Diċembru;
mal-kelma
“Milied” jew “Krismis” imdeffsa fir-reklami jinfilsaw irwieħhom
qalb il-programmi tar-radju u t-televixin, sa ma joktru f’katina
li ssensel magħha xi programm kultant;
mal-wiċċ
daħkan tat-tfal...
... tat-tfal...
(GĦALIEX
WEĠĠAJTNI DAQSHEKK? X’QATT GĦAMILT JIEN AGĦAR MINN ĦADDIEĦOR
BIEX SPIĊĊAJT MIĊĦUDA MILL-ĦAJJA LI QASMET MIEGĦI GĦAL ŻMIEN L-EŻISTENZA?
LI KELLMITNI B’LEĦEN MUTU KULL SEKONDA TA’ NIFSI GĦAL ĦAMES XHUR
IMQADDSSA ... MIJA U ĦAMSIN JUM TA’ ĦAJJA QALB ERBGĦA U GĦOXRIN
SENA TA’ MEWT? GĦALIEX?)
Hemm kor
barrani fil-misraħ.
Ġabuh
tal-Kultura. L-ilħna ħlejja, u jinfdu l-għomma bi kliem dwar
il-kesħa tal-borra, artijiet imbiegħda, drawwiet imqanqla darba
f’sena, tama ta’ paċi, tama ta’ hena.
Kor
barrani.
Il-ħajja
barranija f’ġufha kienet itteptep bħad-dwal ħajja li serrpu tul
l-arti ta’ l-artiġġjan illitterat li ħadem l-armar tat-triq
mimlija ħwienet li mxiet fiha.
Kienet
ħajja li spiss taħsadha bid-daqqa tal-berqa ħiemda ta’ l-istilla
fuq l-għar tal-presepju. Ta’ l-istilla b’dawl iterter li xtrat
għat-tieqa ta’ kamritha ftit sigħat qabel mal-ħmura tal-liżar
serqitilha d-dawl minn qalbha.
Libsin
xalpi ħomor it-tfal fi grupp imħallat f’kantuniera jkantaw
għanjiet minn pitazzi qodma, sofor biż-żejt tas-swaba’ u bi truf
innukklati. Is-superjur tal-mużew li jmexxihom jimsaħ l-għaraq
b’maktur imżarrat li ra kemm-il Milied u li issa ħareġ mill-but
għal ieħor.
Imma
t-tfal ħelwin. In-nies jieqfu u jiggustawhom. Il-kant żgangat,
imma l-uċuħ ħomor mis-sħana tal-flokkijiet tas-suf u l-għomma
tax-Xlokk.
(GĦALIEX?
FORSI GĦAX IT-TNISSIL TIEGĦI MA KIENX VERĠNI BĦAL TA’ DIK
T’ELFEJN SENA ILU? GĦAX L-IMĦABBA TIEGĦI KIENET BISS
GĦALL-FROTT U MHUX GĦAŻ-ŻERRIEGĦA U ANQAS U ANQAS GĦALL-ĠARDINAR
LI ĦAWWILHA? MIN JOQGĦOD JAĦSEB FIŻ-ŻARA’ HU U JIEKOL FROTTA?
NAĦTI B’DAQSHEKK? GĦALHEKK TGĦID? JEKK LE ... GĦALIEX?)
Fuq
banketta żlugata hemm raġel bil-farretti tas-snin iħaffrulu
wiċċu liebes it-tajjar flok daqna, u għall-bqija mżejjen mill-abjad
u l-aħmar. Aħmar bati mill-ħasil u t-togħlija ta’ darba f’sena
għal tant snin, imma aħmar xorta waħda.
Hemm
kuruni ta’ weraq aħdar ileqq, kif il-plastik ileqq fid-dawl.
Hemm ċirasa ta’ plastik aħmar imdendlin magħhom.
U s-siġar
mimlijin boċċi artifiċjali ta’ kull lewn, imma l-aħmar jaħbat
ma’ għajnejha ... boqoq ta’ aħmar, qtar ta’ aħmar, jaqta’ ma’ l-isfond
abjad silġ tal-kartolina stampata barra, b’lingwa barranija, li
tiġi għal ftit, thenni lil xi ħadd u mbagħad tinħeba qalb l-imbarazz
sa ma titqatta’ u tintrema.
Għax
il-barrani m’hawnx postu hawn.
Hux hekk,
tarbija tax-xemgħa f’maxtura ta’ tiben sintetiku?
Il-barrani
nilqgħuh għal ftit ... ngħidu aħna darba f’sena, imbagħad
nippakkjawh qalb l-imbarazz tar-raff.
Bogħod
mill-għajn, bogħod mill-qalb?
Le...
Għax l-aħmar
iteptep tal-bozza ma jħallihx. Is-sikta mħanna mit-teptip ta’
l-ilħna ma jiftiehmux tan-nies għaddejja ... ilħna li jogħlew u
jinżlu f’sinfonija li kulħadd jifhimha skond xibru, timla l-arja
tifgak mid-dwal tal-ħaloġen u r-riħ isfel.
Qalb l-agħa
hemm laguna ta’ sikta madwarha, imma hemm l-istorbju fi
ħsibijietha ... storbju mlewwen u iswed, mgħattan mit-toqol tat-tifkira
ħajja li xiddet il-mewt u sabet it-tmien fil-bidu. U kobba xewk
fl-istonku ttella’ l-imrar f’gerżumitha, jimbotta l-ħmura
quddiem għajnejha.
L-għana
tat-tfal miexi ’l hemm, u hi taqbad it-triq in-naħa l-oħra. ’Il
barra minn hemm. ’Il bogħod mill-għar materjalistiku mixgħul
mit-teknoloġija, imberfel mill-għajta elettronika tokrob
għall-konsumatur.
Xtaqet
tmiss siġra ta’ veru ... ħadra, bla boċċi ħomor magħha. Xtaqet
tħaddan ħajjet is-siġra magħha biex tiftakar xi tkun il-ħajja li
ma tinxtarax irrumblata u mgeżwra.
Xtaqet
il-Milied it-tajjeb lil ġufha għeri ... kważi sterili, u żejnitu
b’demgħa tteptep mid-dawl ta’ qamar hi u nieżla.
U stenniet
l-għada jisbaħ, jum is-sitta u għoxrin, biex tiċċelebra l-Milied.
Miktuba
fil-11 ta’ Diċembru, 1999 u ppubblikata f'edizzjoni speċjali
għall-Milied ta' IL-MUMENT.
Kienet ippubblikata mill-ġdid
f'IL-MALTI, ir-rivista ta' l-Akkademja tal-Malti, Nru. LXXV,
Novembru 2001, pp. 112-114. |